Contents

This is the site of the Maltese National Council of the Secular Franciscan Order aimed to keep active contact with the Order's Local Fraternities.

It contains links to Maltese and foreign Franciscan sites, videos, powerpoints, formation material, NEWS and Directives, Order's website, and Local fraternity meeting dates.

of current importance

Rigward membri mhux attivi,

Minuti importanti tal-laqgħa mal-Ministri,

Segretarji u Ekonomi fis-26 ta' April 08


Riflessjoni għall-Jum

Mejju 10:- Huma sinjali li qatt ma jingannaw lil ħadd meta wieħed huwa ubbidjent u umli u jħobb is-slaleb u ż-żebliħ tiegħu nnifsu. Dan huma sinjali ta’ l-ispirtu li jkun qed imexxi fit-triq tal-verita u tal-gustizzja.

(Meħud Mis-Sena tas-Sinjur-San George Preca)

Silta tal-llum mir-regola

“U kull min iħares dan kollu, ikun mimli bil-barka tal-Missier l-aktar Għoli, u fuq l-art ikun mimli bil-barka ta’ l-Iben Maħbub tiegħu flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu Paraklitu…” .

Ieqaf aħseb u rrifletti fuq dan li qrajt hawn fuq illum

Skular:Għandi bżonnok, Sinjur Ġesu Kristu, biex jiena ngħix u mmut tajjeb. Għalhekk nitolbok biex tiddereġini dejjem u ma tabbandunani qatt.

Il-Ħadd, 21 ta’ Frar 2010

Rtir tar-Randan organiżżat mill-Fraternita' tal-Kalkara





Illum fin-nofs ta' nhar ta' fil-ġħodu nżamm irtir tar-Randan organiżżat mill-Fraternita' tal-Kalkara. Sena wara l-oħra dan l-Irtir qed isir popolari ma ħafna Fraternitajiet. Xhieda ta' dan kienet l-attendenza numerusa minn ħames Fraternitajiet. Barra mill-membri tal-Kalkara kien hemm dawk minn Għajn dwieli, Rabat, Marsa Trinita, San Gwann u l-Furjana li mlew is-sala kif wieħed jista jara mill-filmat.
Mexxa l-Irtir Patri Joe Buttigieg Ofm.Cap li tkellem fuq l-imħabba t'Alla u u il-mod kif ngħarfuh u li żamm l-attenzjoni ta' kulħadd fuq dak li kien qed jgħid, xi drabi ukoll b'xi cajta l'hemm u l-hawn. Hi ħaġa sabiħa ħafna li wieħed jgħaraf jiltaqa mal-Mulej u mal-aħwa. Hemm il-bzonn li nkunu nafu aktar il-Mulej u lill-xulxin. Hija karateristika Franġiskana li qegħda fir-regola biex nimxu lejn il-Mulej flimkien. Nittamaw li dan l-ispirtu u l-attendenza jirrifletti rwiehom f'irtiri oħrajn li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.

Nirringrazzjaw il-Kunsill tal-Kalkara li organizza l-irtir kif ukoll il-Fraternitajiet li ikkollaboraw u ħadu sehem.

It-Tlieta, 12 ta’ Jannar 2010

Ċeremonja tad-dħul ta' membri ġodda f'Birkirkara.



Nhar il Hadd li għadda saret ċeremonja ta dħul ta' ħames membri ġodda fil-Fraternia ta' Birkirkara. Dawn kienu Josett u Joseph Aquilina, Steve Attard li hu wkoll seminarista, u Peter u Carmen Saliba.
Fir-ritratt jidrhu (mix-xellug għall-lemin) Josette u Joseph Aquilina, Peter (Ministru), Godwin (Min.Nazz.) Patri Alfred Calleja OFM Conv. Assistent, Steve Attard u Peter u Carmen Saliba.


Steve Attard (is-Seminarista) ġej mill-Mosta, Joseph u Josette Aquilina ġejjin mir-Rabat (Malta) waqt li Peter u Carmen Saliba joqgħodu l-Gharghur. Dawn iż-żewġ koppji it-tnejn għandhom uliedhom novizzi mal-Konventwali u li bħalissa jinsabu jistudjaw Assisi.


Il-Fraternita' xtaqet taqsam dan il-ferħ għax barra li laqgħet din iż-żieda sostanzjali ħasset ukoll li llum inkitbet pagna ġdida fl-OFS peress li qatt qabel ma kien hemm seminarista li beda l-mixja tiegħu fl-OFS.

Steve Attard mill-ewwel wera ħafna entuzjasmu u ħeġġa li ma bħala biex jissieħeb f'dan l-Ordni tagħna. J'Alla l-quddiem, meta jipprofessa, ikun strumentali biex bis-saħħa tieghu, l-OFS ikompli jikber u jissaħħaħ. Aħna nibqgħu nitolbu mhux għalih biss, imma wkoll għal kull min beda din il-mixja fl-Ordni Franġiskan Sekular, kif ukoll għal kull min jixtieq jibdija. Steve għandu bżonn ħafna talb, mhux biss biex jagħraf jimxi l-mixja spiritwali tiegħu, imma wkoll biex ikun saċerdot qaddis, veru appostlu li jwassal il-kelma t'Alla lill-bnedmin. Omna Maria, Missierna San Franġisk, Santa Klara u Santa Eliżabetta żgur li sa jkunu miegħu f'dak kollu li jkollu bżonn.

J'Alla il-Mulej ibierek lill dawn ħutna ġodda u jgħinhom jimxu t-triq li hu wriehom mejuna minn ħuthom.

It-Tnejn, 4 ta’ Jannar 2010

Professi Ġodda fil-Fraternita tal-Kalkara

Il-Lum fil-Knisja ta' Santa Barbra fil-Kalkara saret il-Professjoni ta' sitt membri ġodda tal-OFS li żdiedu mal-Fraternita' ta' Santa Liberata li tiltaqa' fil-Kunvent tal-Kapuċċini hawnhekk. Il-membri professi ġodda huma mix-xellug għall-lemin: Sylvia Azzopardi, Miriam Bonello, Norbert Agius, Tony Azzopardi, Johann Grech, u Jennifer Lonfat. Anglu Demanuelle (xellug) huwa l-Mastru tal-Formazzjoni, u Joe Caruana (lemin) Ministru tal-Fraternita'.

Il-Ministru Nazzjonali indirizza l-membri preżenti qabel iċ-ċerimonja li ġiet immexxija mill-Assistent Spiritwali tal-Fraternita' Fr. Hayden OFM. Cap Williams megħjun minn Fr. Godfrey Zarb OFM.Cap. Laqa' il-professi l-ġodda fil-fraternita' il-Ministru tal-fraternita' Joe Caruana.

Is-sitt membri l-ġodda għaddew minn sentejn novizzjat intensiv li juru b'liema serjeta l-formazzjoni inizjali qed tittieħed minn din il-fraternita' biex twassal il-membri ġodda tagħha għall Professjoni.

Waqt li nifirħu l-membri l-ġodda kif ukoll lil din il-Fraternita' għal din l-għotja ta' Aħwa ġodda, nittamaw li fraternitajiet oħrajn jieħdu bl'istess serjeta l-formazzjoni tal-membri tagħhom għall-ġid ta' l-Ordni fi gżiritna.

Wara iċ-ċerimonja, kif inhu tradizzjonalment f'din il-fraternita', il-fraternita' ngħaqdet f'bibita vera tajba biex tiċċelebra dan l-avveniment kif ukoll il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

It-Tnejn, 2 ta’ Novembru 2009

Irtir Nazzjonali tal-Avvent

Fit-28 u id-29 ta' Novembru l-Kunsill Nazzjonali se jorganiżża bħas-soltu l-irtir tal-Avvent fil-Knisja tal-Lunzjata limiti tar-Rabat, ara http://www.kappellimaltin.com/html/lunzjata_-_rabat.html.
Post maqtugħ għalih qalb il-kampanja sabiħa li hu addattat ħafna għall- kontemplazzjoni.
Dan l-Irtir ġie ideat u jiġi organiżżat kull sena mill-Kunsill Nazzjonali biex is-Sekulari kollha minn diversi Fraternitajiet jintaqgħu u jsiru jafu aktar lill-xulxin. Il-Kunsilli tal-Fraternitajiet huma għalhekk fid-dmir li javżaw u jħeġġu l-membri biex jattendu għal dan l-irtir uniku fejn kulħadd ikollu iċ-ċans isir jaf aktar mil qrib lil xulxin bħala ma għandu jkun f'familja waħda Sekulari Franġiskana

PROGRAM TAL-IRTIR TA' L-AVVENT TA' L-ORDNI FRANGISKAN SEKULAR - IL-LUNZJATA - RABAT. 28 u 29 ta' Novembru)
Is-Sibt
09.00 Niltaqghu u jitqassmu l-kmamar
09.15 Talb ta' filghodu
09.45 Kafe'
10.00 Tahdita' minn Patri Godfrey Zarb OFM Cap. "L-impenn tieghi fl-O.F.S. x'inhu?"
11.00 Mumenti ta' talb u gabra personali
11.30 Quddiesa
12.15 Ikel
14.30 "Il-Fraternita'" minn Godwin Vella Clark
15.45 Kafe'
16.15 Diskussjoni bejnietna dwar dak li jkun qal Patri Godfrey (ninqassmu f'zewg gruppi)
18.00 Ruzarju Meditat
19.00 Talb ta' filghaxija
20.00 Ikel
21.00 Adorazzjoni quddiem Gesu' Ewkaristija

Il-Hadd
08.00 Kolazzjon (ghal min ikun raqad fil-post)
08.45 Talb ta' filghodu
09.30 Quddiesa
10.30 Kafe'
11.00 Tahdita minn Patri Godfrey Zarb OFM Cap. "Kif sa nilqghu lil Gesu' dan il- Milied?"
12.15 Ikel
14.30 "Il-Familja Frangiskana" minn Godwin Vella Clark
15.45 Talb ta' filghaxija
16.15 Kafe' u wara nispiccaw l-irtir

* * * * * * * * * * * * * * * * *

Kors għall-Formaturi

Fix-xahar ta' Ottubru l-Kunsill Nazzjonali nieda kors ta' Formazzjoni għal dawk li huma mħajra jagħtu jew diġa qed jagħtu dan is-servizz sia fil-fraternita' tagħhom kif ukoll fejn ikun hemm bżonn. Il-kors kien jikkonsisti f'sitt lectures mqassma f'ħames t'ijiem li għalihom attendew madwar 12 il-membru minn diversi Fraternitajiet.

It-Taħdidiet ġew mgħotija minn Godwin Vella Clark li attenda kors f'Ruma fuq il-Formazzjoni għall-formaturi. Siltiet essenziali b'temi varji ġew meħuda mill-Kors, maqluba għall-Malti u mqassma lill-parteċipanti. Fl-aħħar ta kull taħdida kien hemm diskussjoni fuq it-temi preżentati

Dan il-kors sar bil-għan li jkun hemm "pool" ta' formaturi biex jgħinu fraternitajiet li huma batuti fejn tidħol formazzjoni tal-membri speċjalment dik inizjali. Fraternitajiet li għandhom diffikultajiet f'dan is-sens għandhom jikkuntattjaw il-Kunsill Nazzjonali biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa.

It-Tlieta, 19 ta’ Mejju 2009

Ittra mill-Ministru Generali


Il-Kunsill Nazzjonali jixtieq iwassal il-kontenut ta'
l-aħħar ittra tal-Ministru Ġenerali Encarnation del Pozo mibgħuta lill-Fraternitajiet Nazzjonali kollha.
Kull Franġiskan Sekular li jidħol f'dan is-sit jagħmel tajjeb jaqra din l-ittra biex jiġbed l-attenzjoni u jħeġġeġ l-ufiċċjali responsabbli tal-Fraternita tiegħu jagħmlu dmirhom kif stipulat f'din l-ittra tal-Ministru Ġenerali.
Nittamaw li r-rispons f'dan ir-rigward isir kemm jista jkun malajr.
Paċi u Ġid
Għat-traduzzjoni tal-ittra bil-malti għafas hawn

It-Tnejn, 23 ta’ Frar 2009

Messaġġ għar-Randan mill-Ministru Nazzjonali

Għeżież Ħuti,
Erġajna wasalna biex nibdew Randan ieħor. Dan huwa żmien li fih jeħtieġ li nisimgħu aktar il-Kelma ta' Alla u nitolbu aktar spiss u b'aktar attenzjoni. Meta nagħmlu dan, jgħinna nagħrfu li hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċji li kultant huma kbar biex inwarrbu d-dnub minn ħajjitna u nduru lejn Alla.

Kif qalulna l-Isqfijiet fil-Pastorali, ejjew infittxu aktar illi ngħixu il-Fidi Nisranija tagħna b'mod aktar konvinċenti, mhux bil-paroli, izda bil-fatti. Ma nikkuntentawx b'dak il-ftit li nagħmlu, imma nimpenjaw ruħna aktar f'din il-mixja komuni li qed nagħmlu lkoll flimkien.

Iż-żmien tar-Randan jistedinna nagħmlu din il-konverzjoni, bidla fil-moħħ kif ukoll fil-qalb sabiex b'hekk inbiddlu l-attitudnijiet taghna lejn Alla u lejn il-bnedmin. Ir-Randan iħeġġiġna għal din il-konverzjoni sinċiera biex fil-Lejl Qaddis tal-Għid inkunu nistgħu nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija b'aktar konvinzjoni u b'aktar impenn mis-soltu.

Meta nwettqu dan, induqu mis-sbuhija tal-Għid, jiġifieri, tal-Qawmien ta' Sidna Ġesu' Kristu.

Godwin Vella Clark
23 ta' Frar 2009

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Frar 2009

Żjarat fil-Fraternitajiet rigward il-Messaġġ tal-Kapitlu

Il-Kunsill Nazzjonali qed jipproponi li fit-tieni u it-tielet gimgħa ta' Marzu jsiru żjarat fil-Fraternitajiet mill-Kunsillier Internazzjonali u l-Ministru Nazzjonali biex iwasslu l-Messaġġ tal-Kapitlu, fl-Ispirtu tal-Kapitlu, lill-Franġiskani Sekulari kollha kif ukoll xi affarijiet oħra.

Dawn iż-żjarat se jsiru fuq ix-xewqa tal-Ordni kif espressa mill-kapitulari kollha waqt il-Kapitlu Ġenerali u mwassla wkoll uffiċjalment lill-Kunsilli Nazzjonali permezz ta' dokument Konkluzzjonijiet tal-Kapitlu ffermat mill-Ministru Ġenerali li għadu kif waslilna biex ikompli ifakkarna fuq din l-importanza.



Il-Ministri tal-Fraternitajiet, li diġa ġew ikkuntattjati, huma għalhekk mħeġġa
(a) jagħmlu arranġamenti biex jinfurmaw il-membri b'dawn iż-żjarat u
(b) jinfurmaw bid-data u l-ħin li huma l-aktar komdi għalihom, f'dan il-periojdu, mill-aktar fis possibbli lill-Ministru Nazzjonali, is-Segretarju jew il-Kunsillier Internazzjonali.

Nittamaw li dawn iż-żjarat jingħataw l-importanza dovuta minn kulħadd. Il-kunsill jiddispjaċih li minħabba ċirkustanzi li ma għandux kontroll fuqhom irid jagħmel dawn iż-żjarat fil-perijodu msemmi. Ftit ta' sagrifiċċju hu mitlub minn kulħadd.

Waqt li nirringrazzjaw il-kulħadd għall-kollaborazzjoni
Nawguraw kull Paċi u Ġid

Dati li fijhom se jsiru iż-żjarat
8 ta' Marzu - 9,00 am - Għawdex
12 ta' Marzu - 6,30 pm - San Gwann
13 ta' Marzu - 6.30 pm - Msida
16 ta' Marzu - 4.30 pm - Trinita - Marsa
17 ta' Marzu - 7,00 pm - Ghajn Dwieli
18 ta' Marzu - 4.45 pm - Maria Regina

18 ta' Marzu - 6.00 pm - Florjana
24 ta' Marzu - 6.30 pm- Kalkara



Il-Ġimgħa, 6 ta’ Frar 2009

Il-Ministru Nazzjonali jiltaqa ma L-Arċhisqof.

Nhar il-Ħadd l-1 ta' Frar 2009, waqt li l-Arċisqof P.Pawl Cremona OP kien qiegħed jagħmel iż-żjara Pastorali fil-Parroċċa ta' San Duminku, l-Belt Valletta, hu kkonċelebra l-quddiesa tal-10.30a.m. mal-Patrijiet kollha fil-Knisja ta' San Franġisk, Triq ir-Repubblika. Għal din l-okkażżjoni kien mistieden ukoll il-Ministru Nazzjonali.
Wara l-quddiesa il-Ministru Godwin Vella Clark iltaqa' mal-Arċisqof u ħa l-okkażżjoni biex jerġa' jistiednu jattendi għall-Festa ta' Santa Eliżabetta tal-Ungerija nhar it-Tlieta 17 ta' Novembru 2009. Godwin fakkar lill-Arċisqof li din kienet it-tielet stedina li l-O.F.S. qiegħed jagħmillu u li l-membri kollha qed jistennew bil-ħerqa biex jiltaqgħu miegħu f'din l-okkażżjoni. L-Eċċ. Tiegħu Mons.Arċisqof wiegħed li jipprova jattendi, pero' għad ma jistax jintrabat minn issa. Nistennew ikollna!!!

It-Tlieta, 30 ta’ Diċembru 2008

It-Tnejn, 15 ta’ Diċembru 2008

Il-Kapitlu Ġenerali 2008 - fl-Ungerija





Il-Kapitlu Ġeneral Elettiv tal-Ordni Franġiskan Sekular sar f’Manresa Retreat Center ġewwa l-Ungerija. It-Tema bħal ma jaf kulħadd kienet il-Professjoni u s-Sens ta’ Appartenenza.
Attendew għall-Kapitlu, 67 Fraternitajiet Nazzjonali u ħafna osservaturi l-aktar minn Fraternitajiet Emerġenti.

It-tema tal-kapitlu ġiet indirizza minn żewg esperti f’dan il-qasam,
Fr. Felice Cangelosi rigward il-Professjoni tal-Franġiskan Sekular u Emanuela de Nunzio, li kienet Ministru Generali ta’ l-Ordni, dwar is-sens ta’ appartenenza.






Dawn id-dokumenti li hawn jidhru bl-ingliż huma għonja ħafna b’argumenti li jinħtieġu riflessjioni serja mill-membri kollha tal-Ordni biex nimxu l-quddiem aktar fil-mixja tagħna. Nistieden il-kulħadd jaqra w jixtarr sewwa dawn id-dokumenti. Il-Kunsill Nazzjonali qed jara biex dawn il-punti msemmija jiġu riflettuti mill-Franġiskani Sekulari kollha w hemm il-ħsieb li l-Kunsillier Internazzjonali, li attenda għall-Kapitlu, flimkien mal-Ministru jduru l-fraternitajiet biex iħeġġu r-riflessjonijiet imsemmija
Kif għedna l-kapitlu kien Kapitlu elettiv biex jinħatru mexxejja għas-sitt snin li ġejjin u biex jiġu stabbiliti l-prioritajiet tal-Ordni għal dan il-perjodu.
Mill-elezzjonijiet li fihom ħadu sehem kapitulari minn 67 pajjiż fil-preżenza ta’ ħafna Osservaturi minn Fraternitajiet Nazzjonali emerġenti ġew eletti bħala:-

Ministru Generali:- Encarnation de Poso – re-eletta

Encarnation hija mara sempliċi w umli ħafna. Hi maħbuba wkoll ħafna minn dawk kollha madwarha li jaraw fijha Awthorita ġejja mill-esperjenza twila ta' xogħol li hi għamlet fl-Ordni. Hija nħatret għat-tieni darba minkejja l-limitazzjonijiet li hi stess tammetti li għandha. Nittamaw li jkollna żjara Fraterna tagħha fi żmien qasir - Forsi fil-Kapitlu li ġej.


Doug Clorey huwa il-Viċi Ministru ġdid. Doug huwa bniedem ferrieħi, jispira fiduċja w huwa effiċjenti ħafna. Ħadem fl-Ordni f’diversi karigi kien Kunsillier Internazzjonali tal-Kanada u wara Kunsillier Presidenzjali għall-Lingwa Ngliża (group 1). Meqjus bħala bniedem effiċċjenti li fil-ħajja okkupa wkoll diversi karigi maniġerjali. Doug hu mistenni jkun asset importanti fit tmexxija tal-Ordni.





Tibor Kauser gie elett Kunsillier Presidenzjali tal-Lingwa Ingliża għall-Amerika ta fuq u l-Ewropa
Tibor huwa Ungeriż. Tista tgħid li hu kien il-moħħ prinċipali wara l-organizazzjoni tal-Kapitlu Ġenerali fl-Ungerija. Kien għal tlett darbiet il-Kunsillier Internazzjonali ta' dan il-pajjiż u ġie mqabbad flimkien ma Doug Clorey f'kumissjonijiet għal xi tibdil fil-kostituzzjonijiet. Waqt il-Kapitlu kien dejjem preżenti biex jirranġa xi ilmenti u jara li l-organiżazzjoni timxi ħarir - kif ġara, xogħol li kien iżommu okkupat sa tard bil-lejl.


Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa Ingliża - Area 2 Lucy Almiranez - re-eletta
Lucy Almares ġiet mtella għat-tieni darba Kunsillier tal-Presidenza għat-tieni group ta' Lingwa Ingliża li jestendi mill-Korea t'isfel sa l-Awstralja kif ukoll il-Lvant Nofsani u l-Afrika bil-gżejjer fil-Oċean Indjan u l-Paċifiku. Lucy hija wkoll inkarigata tieħu ħsieb il-Fraternitajiet Emerġenti. Hija persuna ferrieħija u faċli wieħed jaħdem magħha, tgħallem f'Universita fil-Filippini






Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa Spanjola Consuelo Nunez - re-eletta.
Consuelo Nunes hija magħrufa aħjar bħala Chelito. Hija wkoll figura stabbli fil-Fraternita Internazzjonali u fl-aħħar żewġ Kapitli ġiet maħtura bħala Kunsillier Presidenzjali għall-Lingwa Spanjola . Hija tieħu ħsieb il-Komunikazzjoni u dak kollhu li jidher fuq il-Website taċ-Ciofs. Dan tagħmlu wkoll bl-għajuna ta' Fred Schaffer, Franġiskan Sekular Amerikan


Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa Portugiża Maria Aparecida Crepaldi - re-eletta.
Eletta konsulent għat-tieni darba Maria Crepaldi hija wkoll figura stabbilita fl-Ordni. Diversi ċirkularijiet li għandhom x'jaqsmu ma organiżazzjoni speċialment rigward il-Kapitlu huma maħruġa minn din il-Kunsilliera.





Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa taljana Benedetto Lino - re-elett
Lino Benedetto ma għandu l-ebda bżonn ta' introduzzjoni magħna l-Maltin. Hu magħruf sewwa bħala trouble shooter tal-Ordni. Ħadem f'diversi pajjiżi fosthom Malta u l-Area tiegħu hi l-Formazzjoni. Kien hu li ħejja l-Korsijiet ta' Formazzjoni f'Ruma u l-Manwal ta' Formazzjoni Inizjali li ngħata lil kull Fraternita Nazzjonali sew stabbilita kif ukoll Emerġenti biex jiġi mplimentat minn dawk il-formaturi li attendew għall-Kors f'Ruma. Hu diffiċli timmaġina Kunsill Internazzjonali mingħajr dan il-veteran li dejjem lest jgħin.

Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa Franċiża Michèle Altmeyer

Michele hija mara kwieta ħafna u għalkemm attendiet mill-inqas tlett kapitli bħala kunsilliera internazzjonali din kienet l-ewwel darba li ġiet eletta Kunsillier tal-Presidenza. L-area li tippreżenta tinkludi ħafna pajjiżi fiċ-ċentru u l-Punent tal-Africa




Konsulent Presidenzjali għall-pajjiżi b’lingwa Germaniża Ewald Kreuzer

Ewald ġej mill-Awstrija. Hu pprezenta l-Awstrija bħala Kunsillier Internazzjonali għall-ewwel darba u ġie elett mill-kunsillieri tal-lingwa Germaniża minn fost tlett nominazzjonijiet








Konsulent Presidenzjali għall-Youfra Ana Fruk

Anna Fruk ġejja mill-Croatia. Għandha 26 sena u ġiet rikmandata ħafna bħala żgħażugħa li taħdem ħafna fost iż-żagħżagħ u il-Gifra. Ma kienitx preżenti għall-Kapitlu u ġiet biex tkompli ssegwi wara li ġiet eletta.








Il-Konkluzzjonijiet tal-Kapitlu (tradotti għall-Malti) li jinkludu l-Prioritajiet tal-Ordni wieħed jista jarahom billi jikklikkja fuq il-link. Dawn ma ħafna affarijiet oħra se jiġu spjegati meta jsiru ż-żjarat fil-Fraternitajiet biex jiġu spjegati l-affarijiet li seħħew fil-kapitlu u dawn xi jfissru għalina.

Il-Ħadd, 14 ta’ Diċembru 2008

Rtir tal-Avvent fil-Kalkara


Illum sar l-rtir tal-Avvent fil-Kalkara mħejji mill-Fraternia lokali. Attendew membri mill-Fraternitajiet tat-Trinita u ta' Għajn Dwieli. Il-Kelliemi prinċipali kien Bro. Dennis Calleja li fit-taħdita tiegħu "Ngħarfu triqat il-Mulej" li kienet vera interessanti saħaq li mhux kemm taf fuq Alla imma kemm taf il-Alla. Wara break u mumenti ta' fraternita l-irtir kompla b'mumenti ta' Adorazzjoni u r-Ruzarju. Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata minn Patri Manuel Barbara OFM.Cap.

Il-Ħamis, 4 ta’ Diċembru 2008

FRATERNITA’ MARIJA IMMAKULATA
SAN ĠWANN
27ta’ Novembru 2008.

Għeżież Kulhħadd,
il-membri ta’ din il-Fraternita’, ‘Marija Immakulata’ OFS – San Ġwann, jixtiequ jirringrazzjaw lil kull min ta’ l-appoġġ, bl' għajnuna tiegħu jew tagħha kemm direttament kif ukoll indirettament biex dan il-Kapitlu Lokali jkun seċċess kif jixraq, bħala Franġiskani Sekulari.
Tapprezza wkoll is-servizz ta’ kull minn ta' mill-ħin privat tiegħu/ha, biex mexxew dan il-kapitlu.
Flimkien ma’ din l-ittra hawn ir-rizultat elettiv ta’ dan il-kapitlu msemmi, u l-lista tal-kunsilliera għal 2008 – 2011.
Paċi u Ġid
Jonathan Gracey -f’isem il-Fraternita’ kollha.

Kunsill Elett għas-snin 2008 sa 2011 huwa hekk:-

Ministru: Catherine Borg
Viċi Ministru: Mary Micallef
Segretarja: Lina Brockdorff
Ekonomu: Paul Bonnici
Ministru tal-Formazjoni: Judith Gatt
Membri: Connie Scibberas
Tessie Middleton


Il-Kunsill Nazzjonali jawgura l-Kunsill il-ġdid ħidma ħabrika u fejjieda biex iġib il-quddiem il-Fraternita u l-Ordni Frangiskan Sekular f'dan il-lokal'

It-Tlieta, 11 ta’ Novembru 2008

Grazzi mill-qalb lill-Patri Godfrey Zarb OFM Cap.



F'isem sħabi kollha tal-OFS, kemm dawk tal-Kunsill Nazzjonali kif ukoll il-membri kollha, nixtieq nuri l-apprezzament tagħna lkoll għall-ħidma siewja u ma taqta' xejn li għamel Patri Godfrey Zarb OFM Cap., matul il-perjodu li kien jokkupa l-kariga ta' Assistent Nazzjonali.
Patri Godfrey kien mutur kontinwu, dejjem għaddej u qatt ma qal le meta ġie mitlub biex imur jew jassisti lil xi Fraternita'. Ix-xogħol li għamel f'dawn il-ftit snin li serva bħala Assistent Nazzjonali huwa ħafna biex insemmieh f'dan li spazju li għandi. Jiena personalment nista' ngħid kemm tħabat biex nippruvaw nibnu l-OFS fuq sisien tajba.
Tajjeb li wieħed isemmi dawk is-sitt xhur li xandarna l-programm fuq Radju Maria. Avolja kien intbgħat Għawdex, xorta waħda baqa jiġi għall-programm, xemx u xita, ma qatgħax qalbu!
Kull meta ridna l-assistenza tiegħu, sibnih mill-ewwel. Anke fl-irtiri, dejjem attenda u baqa' magħna l-ħin kollu.

Dik it-tbissima u d-daħqa żgur mhux sa ninsewha. Jiġri x'jiġri, dejjem kien jidħaq, anke jekk tkun xi ħaġa kera' jew li marret ħażin, xorta waħda kien jitbissem.

Ma ridtx li nagħmel xi eloġju, iżda Patri bħalu żgur li mhux sa jkollna. J'Alla min sa jkun is-suċċessur tiegħu, jieħu ftit minn dak iż-żelu' u l-kariżma li kellu P.Godfrey.

Nixtieq insellimlu u nwiegdu t-talb kollu li għandu bżonn f'din il-ħidma li mar jagħmel
fil-missjoni. Din hi l-għalqa li dejjem xtaq jaħdem fiha. Grazzi Patri Godfrey u l-Mulej
ikun dejjem miegħek fil-bżonnijiet kollha. Nitolbuk biex meta terġa lura Malta, ejja
fittixna biex nerġgħu naqsmu dawk il-mumenti sbieħ li għaddejna minnhom flimkien.

Fl-aħħarnett, nixtiequk li tbierek lill-Fraternitajiet tagħna sabiex ikomplu jikbru, jekk mhux fin-numru, fil-kariżma Franġiskana.

Godwin Vella Clark
Ministru Nazzjonali

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru 2008

San Franġisk jiġbed il-ġemgħa



Din il-gimgħa il-festa tradizzjonali ta' San Franġisk qed tiġi iċċelebrata fil-knisja ta' Santa Barbara l-Kalkara mill-kommunita tal-patrijiet u l-fraternita tal-lokal. Għall-programm tal-festa għafas fuq Festa ta' Missierna San Frangisk fil-knisja taghna u ritratti. Il-Programm beda b'celebrazzjoni fil-Knisja ta' San Ġiusepp, parroċċa tal-Kalkara, b'rabta ukoll ma Jum l-Ofs biex ikun mgħaruf aktar San Franġisk u l-Ordni Franġiskan Sekular fil-parroċċa.
Il-Festa tingħalaq nhar il-Ħadd b'Quddiesa Solenni fis.6.00 pm kkonċelebrata bil-kant tas-Salmi mmexxija mit-tlett Provinċiali, l-W.R.P. Joe Alessandro OFM Cap, W.R.P. Sandro Overend OFM, u l-W.R.P .Samuel Chetcuti OFM Conv, li se jagħmel ukoll l-omelija. Issir iċ-ċelebrazzjoni tat-transitu kif ukoll it-tiġdid tal-wegħdiet reliġjuzi ta’ l-aħwa ta’ l-ewwel u t-tielet Ordni Franġiskani. Il-kant waqt iċ-ċelebrazzjoni jsir mill-kor SAN ĠUZEPP tal-Parroċċa tal-Kalkara.
Nawguraw lill-aħwa tal-Kalkara l-Festa Tajba kif ukoll proset tal-isforz li jgħamlu biex din l-attivita ta' kull sena tkun suċċess li jiġbed u jħajjar ħafna nies jersqu lejn l-Ordni

Il-Ħadd, 28 ta’ Settembru 2008

Kummenti inizjali dwar Jum l-OFS mill-Fraternitajiet

Kumment mill-Fraternita ta' B'kara

Bħala Fraternita ta' B'Kara, l-aħwa kollha kemm aħna ltqajna biex niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien mal-komunita li tattendi kull nhar ta' Ħadd fil-quddiesa tad-09.30a.m. Aħna ħadna ħsieb tal-qari kif ukoll tellajna l-offerti u għamilna wkoll ringrazzjament speċjali bit-tema fuq l-Ordni Franġiskan Sekular. Għalkemm l-Assistent tagħna ma setgħax jattendi, wara li ċ-ċelebrant għamel spjega tal-Vanġelu, kompla espanda fuq l-O.F.S. u għaqqad il-ħsieb ma' l-Ordni tagħna. Verament għamel erbgħa kelmiet tajba. Mhux li kien kulħadd jgħamel l-istess! OFS B'Kara - Ministru Nazzjonali

Kummenti mill-Fraternita tal Kalkara
Jum l-OFS ġie osservat illum fil-fraternita tagħna permess ta' quddiesa fl-10.00am li kienet ikkonċelebrata minn Fr. Hayden, l-Assistent Spiritwali tagħna u Gwardjan tal-Kommunita' Franġiskana Kapuċċina. Fl-ispjega ta' l-Vanġelu, beda billi spjega l-għemil taż-żewġ żgħażagħ u pparaguna l-għemil ta' dawn it-tnejn ma dak ta' Missierna San Franġisk u l-mod kif obdgħa s-sejħa tal-Mulej. Fil-qosor spjega t-twaqqif tat-Tlett Ordnijiet b'enfasi fuq l-Ordni Sekular. Tlajna fuq l-artal ħames membri li fil-qosor għidna l-esperjenza tagħna u x'tfisser għalina l-OFS. Għalkemm ma kienx hemm kwantitia ta' membri pero l-attendenza kienet raġonevoli. OFS - Kalkara - Ministru

Il-Hadd 28 ta' Settembru 2008, l-quddiesa ta' l-ghaxra ta' fil-għodu giet iċċelebrata mill-Assistent Spiritwali tal-Fraternita tal-Kalkara, Fr. Hayden Williams, fi knisja ippakjata bin-nies, fl-Omelija tiegħu għamel bosta riferenzi għall-OFS u l-ħidma tagħhom. Waqt l-Omelija stess tellgħa ħames t'aħwa mill-OFS li taw esperjenzi personali qosra. Fl-aħħar tal-quddiesa Fr.Hayden ukoll stieden biex javviċinawna dawk li jixtiequ jsiru jafu iżjed, dwar dan l-Ordni Franġiskan Sekular. OFS Kalkara - Segretarju

Fil-Kalkara Jum l-OFS gie iċċelebrat b'mod eċċellenti. Ma setax jgħamilha aħjar Fr. Hayden. Mill-vanġelu mexxa l-omelija lejn l-OFS u wara spjega vera eċċellenti ħareġ ħamsa minnha biex jgħatu xhieda. Jien kont wara tal-knisja biex nara r-reazzjoni u nista ngħid li knisja ippakkjata nies semgħet u semgħet b’attenzjoni kbira. Wara l-omelija Fr Hayden fl-aħħar tal-quddiesa reġa għamel appell dirett u ċar daqs il-kristall għall min irid jissieħeb maghna. Nittama li Alla jtina frott sabiħ ta' din il-Gurnata. Vera għandna għax nirringrazzjawh.
OFS Kalkara - membru-K. I.

Kumment mill-Fraternita ta San Gwann
Fil-knisja tal-Kapuċċini ta' San Gwann is-Segretarja tal-Fraternita għamlet ħames minuti tkellem lin-nies dwar l-OFS qabel il-quddiesa ta' l-għaxra ta' filgħodu. Ghalkemm xtaqet li jmur xi ħadd jgħati xhieda f'kull quddiesa ma hemmx b'min taħdem. OFS San Gwann - Seġretarja

San Franġisk il-Belt
Il-Belt fil-quddies kollu sar appell biex min irid jissieħeb fl-Ordni tagħna kif ukoll f'kull Omelija żiedu magħha xi tagħrif fuq l-OFS.

O.F.S. Ghajn Dwieli.
Il-Quddiesa tal-Ħadd tad-9a.m. kienet dedikata għall-O.F.S. Kwazi il-membri kollha attendew għaliha u ħadu sehem attiv bil-qari tal-Liturgija u telgħu wkoll bl-offerti. Kien l-Assistent li qaddes u għamel omelija fuq kif San Franġisk waqqaf dan l-Ordni. Spjega wkoll f'hiex jikkonsisti u x-inhuma d-dmirijiet tal-membri. Huwa ħeġġeġ biex iżjed nies jingħaqdu f'dan l-ordni. OFS Ghajn Dwieli - Segretarja


OFS – Victoria, Għawdex
Għalkemm Jum l-OFS kien il-Ħadd, wara l-quddiesa tas-Sibt filgħaxija tqassmu xi leaflets dwar l-OFS lin-nies li kienu ħerġin mill-knisja.
Fil-quddies tal-Ħadd, imbagħad, saret referenza għat-Tielet Ordni Franġiskan, speċjalment fil-quddiesa tad-9.00 a.m. Kemm l-animatur fl-introduzzjoni tal-quddiesa tad-9.00 a.m. kif ukoll iċ-ċelebrant fl-omelija tkellmu dwar l-OFS, l-istorja u rwol tiegħu. Sar appell biex iktar nies jingħaqdu ma’ l-OFS. Membri ta’ l-OfS ħadu sehem attiv fil-quddiesa billi kienu responsabbli ta’ l-animazzjoni u qari fil-quddiesa u billi wasslu l-offerti fuq l-altar. Fil-ħin tat-talb tal-fidili, żdiedet talba speċjali għall-OFS u l-membri ħajjin u mejtin ta’ l-Ordni. Fl-aħħar tal-quddiesa tqassmu aktar leaflets dwar l-OFS. OFS Ghawdex - Direttur tal-Formazzjoni

OFS Rabat
Il-Ħadd, il-ġurnata ta' l-OFS, għaddejnija billi f'kull Quddiesa saret
omelija fuq l-Ordni Franġiskan Sekular u l-leaflets, ħaduhom ħafna.
Nittamaw li jkollna Rizultati. OFS Rabat

Is-Sibt, 27 ta’ Settembru 2008

Jum l-Ordni Franġiskan Sekular


Illum fil-Knejjes Franġiskani ġo Malta u Għawdex qed jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba Jum l-O. F. S. Jiġifieri jum l-Ordni Franġiskan Sekular. Dan qed jiġi mxandar permess ta’ Omeliji fil-quddies, b’poster, fuq “Jum il- Mulej”, fil-media u bl- leaflet lill min hu nteressat jista jieħu.
L-Ordni Franġiskan Sekular hu mifrux mad-dinja kollha u għadu qed jinfirex. Għandu madwar 400,000 membru u ġie mwaqqaf minn San Franġisk innifsu. Ilhu presenti fil-knisja għall-800 sena u huwa r-risposta ghal min irid jgħix il-ħajja nisranija aktar aħjar, aktar fil-fond. Issibu kull fejn hemm il-Franġiskani.
Jekk int wieħed minn dawk li dħalt f’dan is-site minħabba li rajt l-isem tal-blogspot u xtaqt tkun taf aktar nistiednek tgħamel kuntatt magħna billi billi tgħafas hawn jew mal-bordura tal-poster u tina l-email u l-lokalita fejn toqgħod. B’hekk inkunu nistgħu nikkuntattjawk aħna, nwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek, ngħidulek fejn u meta jsiru l-laqgħat fl-eqreb fraternita u ntuk l-isem tal-Ministru tal-Fraternita li se jkun jaf bik, jilqek u jgħatik l-informazzjoni li trid bla ebda rbit. Qiegħed pass il-boghod minnha - ghafas il-poster. Narawk.

Il-Ħadd, 7 ta’ Settembru 2008

Jum l-OFS




Il-Kunsill Nazzjonli qed iħabrek kemm jista biex jiġi iċċelebrat jum l-OFS il-Ħadd 28ta' Settembru 2008, qabel il-Festa ta’ San Frangisk. Dan se jsir f’kull knisja Franġiskana f’Malta u Għawdex. Dak inhar l-omelija ta’ kull quddiesa tiġi ndirizzata dwar l-Ordni u l-missjoni tiegħu bl-għan li tħajjar kemm jista jkun aktar nies isiru jafu dwaru.
Il-provinċiali tat-tlett obbidienzi kif ukoll l-assistenti spiritwali tal-Fraternitajiet qed jiġu avviċinati għal dan il-għan. Il-Kunsill ħejja ukoll Poster u fuljett li jidrhu hawn taħt biex jiġu mqassma f’kull Knisja Franġiskana. Jum l-OFS se jkun mxandar f'Jum il-Mulej u fuq il Media

Il-fuljett minn barra

minn ġewwa

il-Poster


Il-membri kollha huma mħeġġa jgħaddu l-kelma u jaħdmu biex Jum l-OFS iservi biex isir mgħaruf u jikber l-Ordni Franġiskan Sekular

għal aktar ara SFO Day Jum L-OFS mill-Ministru
Omelija

L-Erbgħa, 6 ta’ Awwissu 2008

Il-Ħadd, 3 ta’ Awwissu 2008

2 TA’ AWWISSU: FESTA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-PORZJUNKOLA

IL-MAĦFRA “KBIRA” TA’ SAN FRANĠISK T’ASSISI

Missierna San Franġisk kellu mħabba speċjali lejn il-Verġni Mqaddsa u għalhekk kellu ħafna għal-qalbu il-kappella ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli, magħrufa bħala “Porzjunkola” (li bit-Taljan ta’ dak iż-żmien kienet tfisser ‘sehem żgħir’), li hu kien sewwa b’idejh stess. Kien f’dan il-post li waqqaf l-Ordni ta’ l-Aħwa ż-Żgħar, inawgura l-Ordni tal-Klarissi u temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art b’mewta qaddisa.
F’jum sajfi ta’ 1216, Franġisku, flimkien ma’ Fra Masseo, telaq lejn Peruġja, fejn kien qiegħed joqgħod il-Papa, u qallu,
“Il-bieraħ kelli dehra ta’ Kristu flimkien ma’ Ommu Marija imdawwrin bl-Anġli tas-sema ġewwa l-Kappella ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli. Hemmhekk il-Mulej qalli, ‘Franġisku, itlobni dak li trid għall-glorja t’Alla u l-fidwa tal-bnedmin.’
Il-Qaddis irrispondih, “Mulej, nitolbok, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa, Avukata tal-bnedmin kollha, u li tinsab hawn, li tagħti indulġenza lil kull min iżur din il-Knisja.”
Il-Verġni mqaddsa baxxiet rasha quddiem Binha biex turi li di kit-talbet kienet tagħha wkoll, u t-talba tagħha ġiet milquha. Ġesù, mbagħad, qal lil Franġisku biex imur Peruġja biex jikseb dak li xtaq mingħand il-Papa.
Malli sab ruħu fil-preżenza tal-Papa Onorju III, Franġisku qallu, “Ftit taż-żmien ilu, sewwejt Knisja ddedikata lil Marija, l-Imqaddsa Omm Alla. Jiena ġejt għandek biex nitlob li kull min iżur din il-Knisja fil-jum li ġiet ikkonsagrata, ikun jista’ jikseb indulġenza mingħajr il-ħlas ta’ ebda offerta.”
Il-Papa qallu, “U għal kemm il-sena trid li tingħata din l-indulġenza? Sena? Tlett snin?”
“Missier Qaddis, x’inhuma tlett snin?”
“Tridha għal sitta? Jew anki sebgħa snin?”
“Jiena mhux snin nixtieq, iżda erwieħ!”
“X’jiġifieri, ‘erwieħ’?”
“Irrid ngħid li kull min jidħol f’din il-Knisja, wara li jkun qerr u jieħu l-assoluzzjoni, jirċievi l-maħfra ta’ dnubietu kollha, kemm il-ħtija, fik ukoll il-piena.”
“Iżda qatt għadha ma ngħatat ħaġa bħal din!”
“Missier Qaddis! Mhux qiegħed nitkellem hekk min rajja, iżda ghaliex bgħatni l-Mulej Ġesù!”
“Mela fl-Isem tal-Mulej, ħa jsir kif tixtieq inti, jiena nagħtihielek għal dejjem, iżda darba fis-sena biss, jiġifieri mill-ewwel Għasar sa l-Għasar tal-Festa.
(Armstrong, Regis A., FRANCIS OF ASSISI- THE PROPHET, Vol III, p.806- 812.
FONTI FRANCESCANE)

Hekk ingħatat din l’Indulġenza; iżda l-Papiet ta’ wara żieduha. Taw, mhux biss dak li kien talab San Franġisk għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli – jiġifieri kuljum – iżda kabbruha wkoll! Tant li llum m’hemmx bżonn li wieħed imur f’din il-Knisja ġewwa Assisi biex jikseb din l-Indulġenza, għaliex jista jiksibha f’kull Knisja Franġiskana u f’kull Knisja Parrokkjali.
________________________________
KUNDIZZJONIJIET BIEX TIKSEB IL-“MAĦFRA L-KBIRA” TA’ ASSISI:
Biex tinkiseb din l-Indulġenza Plenarja, wieħed għandu:

1. Iżur Knisja Franġiskana jew Knisja Parrokkjali minn-Nofsinhar tat-Tnejn, 1 t’Awwissu sa Nofs il-Lejl tat-Tlieta, 2 t’Awwissu;
2. Fiha jitlob “Missierna”, Kredu u Talba oħra skond l-intenzjoni tal-Papa (per eżempju Pater, Ave Glorja);
3. Jersqu għall-Qrar u t-Tqarbin matul dawn il-jumejn (jew ftit ġranet qabel jew wara).


X’INHI L-INDULĠENZA
1471 “L-indulġenza hi l-maħfra quddiem Alla tal-piena taż-żmien li kienet tistħoqq minħabba dnubiet li tagħhom ġa tħassret il-ħtija. Maħfra li n-nisrani b’dispożizzjoni tajba jikseb taħt ċerti kundizzjonijiet determinati, permezz tal-ħidma tal-Knisja li, bħala dispensatriċi tal-fidwa, tqassam u tapplika bl-awtorità tagħha t-teżor tal-merti ta’ Kristu u tal-qaddisin”.
“L-indulġenzi huma parzjali jew plenarji skond jekk jeħilsux parti mill-piena taż-żmien li kienet tistħoqq għad-dnubiet jew ineħħuha kollha”. L-indulġenzi jistgħu jintrebħu kemm għall-ħajjin u kemm għall-mejtin. (Katekiżmu tal- Knisja Kattolika, Nu. 1471)

IL-PWIENI TAD-DNUB
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, N°1472 Biex nifhmu din id-duttrina u din id-drawwa tal-Knisja għandna nkunu nafu li d-dnub iġib miegħu żewġ konsegwenzi. Id-dnub il-mejjet itellfilna l-għaqda ma’ Alla, u għalhekk ma nkunux nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem, u ċ-ċaħda ta’ din il-ħajja tissejjaħ “il-piena ta’ dejjem” tad-dnub. Minn-naħa l-oħra kull dnub, ukoll dnub venjali, iġib miegħu rabta ħażina mal-ħlejjaq, u minn din ir-rabta wieħed irid jitfejjaq jew f’din id-dinja, jew wara l-mewt fi stat li nsejħulu l-Purgatorju. Din it-tisfija teħles minn dik li nsejħulha “l-piena taż-żmien” mistħoqqa għad-dnub: Dawn iż-żewġ pwieni ma għandniex inqisuhom xi vendetta fuqna minn-naħa ta’ Alla, imma huma pwieni li joħorġu min-natura stess tad-dnub. Sogħba u konverżjoni li jkunu gejjin minn imħabba kollha ħeġġa jaslu biex jeħilsu għal kollox il-midneb, hekk li ma jkollux ebda, piena xi jnallas.. ""

1473 Il-maħfra tad-dnub u l-ħbiberija mill-ġdid ma’ Alla jġibu magħhom ukoll il-maħfra tal-piena ta’ dejjem għad-dnub. Iżda l-pwieni taż-żmien jibqgħu. In-nisrani għalhekk għandu jħabrek biex huwa u jilqa’ bis-sabar kollu t-tbatijiet u tiġrib tal-ħajja ta’ kull jum, meta jasal il-waqt, jersaq bla biża’ lejn il-mewt; għandu jħabrek biex b’għemejjel ta’ ħniena u ta’ mħabba, flimkien mat-talb u mal-ħafna suriet ta’ penitenza, jinza’ għal kollox mill-“bniedem il-qadim” u jilbes “il-bniedem il-ġdid” (ara Ef 4,24).